Għeżież Ħuti fil-Mulej,
Għeżież, il-festa ta’ Marija Mtella’ s-Sema reġgħet magħna. Din il-festa hija mportanti għalina l-insara għaliex turina d-destin aħħari ta’ kull persuna li timxi wara Ġesù – li meta jasal il-waqt inqumu ma’ Kristu u nġeddu l-ġisem tagħna f’dak bħal ta’ Marija.
Nistgħu ngħidu li għal mijiet ta’ snin ħafna kienu l-insara li kienu josservaw din il-festa ta’ l-Assunzjoni ta’ Marija Verġni nhar il-15 ta’ Awwissu imma kien biss fl-1950 li l-Knisja pproklamat dan it-tagħlim domma tal-fidi.
Fl-Enċiklika Deiparae Virginis Mariae, il-Papa Piju XII tkellem dwar il-possibbiltà ta’ Definizzjoni ta’ l-Assunzjoni ta’ Marija Verġni bħala domma ta' Fidi. Fil-Kostituzzjoni Appostolika Deus Munificentissimus l-istess Papa ta id-definizzjoni tad-domma tal-Assunta nhar l-1 ta’ Novembru 1950.
Irridu però ngħamlu distinzjoni bejn it-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù kif ukoll dik ta’ Marija. Marija ġiet imtella s-sema iżda Ġesù – it-tieni persuna tat-Trinità – ma kellu l-ebda bżonn ta’ xi għajnuna u assistenza; dan għaliex hu Alla.
Ħuti, il-Festa ta’ l-Assunta hija sors ta’ tama kbira għalina. Fejn hi issa Marija, huwa l-post fejn aħna – wara ħajja tajba u f’relazzjoni ma’ Alla fuq din l-art – eventwalment irridu nkunu permezz tal-grazzja ta’ Alla. Għall-Insara, il-mewt mhix estinzjoni imma kontinwazzjoni tal-ħajja ta’ issa imġedda.
Ix-xahar li ġej ser issir ukoll il-Griżma (Konfermazzjoni) fiż-Żona tagħna. Irridu b’sens ta’ gratitudni nirringrazzjaw ’l Alla li l-Ispirtu tiegħu ser jinżel u jbiddel diversi żgħażagħ, li wara preparament fit-tul, ser jersqu lejn l-Altar tal-Mulej biex jimtlew bid-doni tiegħu. B’hekk ikunu jistgħu jaġixxu fil-Knisja bħala membri adulti billi jħallu l-Kelma ta’ Alla taħdem fihom u tressaqhom lejn il-qdusija – anke bil-parteċipazzjoni fis-Sagramenti; b’mod partikulari dak tal-Qrar u ta’ l-Ewkaristija.
Dan kollu jista’ jiffunzjona biss jekk ngħinu lil xulxin nikbru fil-ħajja nisranija tagħna, bil-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna fil-ħajja pubblika b’valuri sodi u direzzjoni ċara – li hi l-ġenna.