Knisja San MartinBaħrijaMalta

Messaġġ mill-Arċisqof ta' Malta l-E.T. Mons. Pawlu Cremona O.P.

 

Il-Kelma ‘Konsagrazzjoni’ għandha tifsira kbira fil-Knisja tagħna. Hija  tfisser li l-bnedmin jirriservaw lil xi ħadd jew xi ħaġa biex isservi biss għall-Glorja tal-Mulej. Hekk, nitkellmu fuq Konsagrazzjoni tal-Magħmudija, tal-Presbiteri tagħna u tal-Ħajja Reliġjuża. Nitkellmu wkoll fuq oġġetti li jiġu ‘kkonsagrati’ jew ‘dedikati’ lill-Mulej. Dan ifisser li l-Komunità nisranija tieħu xi ħaġa li diġa’ taf li rċeviet mill-Providenza ta’ Alla u terġa’ tagħtiha lura lil Alla biex tintuża biss għall-glorja tiegħu. Fil-każ tal-Baħrija aħna se nikkonsagraw Bini lil Alla biex isir it-Tempju tiegħu, il-Knisja tiegħu.

Dan sewa sforz kbir minn ħafna nies. Ma nistgħux ma niftakrux fir-Retturi ta’ din il-Knisja. Huma qdew lill-poplu bil-ministeru tagħhom. Iżda, iktar ma il-popolazzjoni bdiet tikber, iktar ħassew il-bżonn li jkun hemm Knisja ikbar biex tkun tista’ tilqa’ lin-nies. Ma nistgħux ma nsemmux b’mod speċjali lil Patri Martin Caruana O.P., li beda dan il-proġett, u li mbagħad tkompla minn Dun Pawl Raggio u minn Dun Timon Mercieca, it-tnejn Retturi warajh.

Il-ħidma tagħhom kienet li jkomplu jħeġġu l-qlub tar-residenti ta’ dawn il-postijiet biex kulħadd jagħti s-sehem tiegħu ħalli din il-Knisja issir: l-għotjiet forsi moħbija li taw diversi benefatturi; l-isforzi li kienu jsiru minn diversi nies biex issir il-fiera bħala fund-raising; ix-xogħol anki materjali li sar u għadu jsir minn diversi persuni b’mod volontarju biex jitkompla u jissebbah il-post, u tant għemejjel oħra ta’ ġenerożità.

F’dak il-Jum tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja, aħna nkunu qed noffru din il-ħidma lil Alla l-Imbierek, flimkien mal-bini materjali, għall-glorja tiegħu, u b’servizz għall-poplu li jiltaqa’ hawnhekk.

Ma nistax ma nfakkarx li dan it-tempju tal-ġebel mhux biżżejjed waħdu: hemm diversi knejjes sbieħ barra rninn Malta, li spiċċaw biss Mużewijiet u ntilfet ir-raġuni għaliex ġew mibnijin. Din il-konsagrazzjoni trid tfakkarna f’dak li jgħid San Pawl fuq x’inhu prinċipalment it-Tempju tal-Mulej: “Ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom?... Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom” (1 Kor 3,16-17).

Il-bini ta’ dan it-tempju Spiritwali li jixbah il-bini tat-Tempju tal-ġebel, iżda huwa itqal biex tibnih għaliex irid jinbena fina.

Kull ġebla f’din il-Knisja ġiet magħżula u minġura u minquxa. Kull persuna trid tagħraf li hija ġiet magħżula minn Alla u jrid li jonġorha minn dak kollu li ma jixbahx lilu. Ejjew inħallu lill-Mulej jonġorna minn kull nuqqas li hemm ġewwa fina. Ejjew inħallu lil Alla jibnina f’ġebel ħaj li fih kull ġebla tkun sabiħa fiha nfisha: bl-opri tajba u s-servizz li tagħti lil Alla.

U l-ġebel kollu ried ikun magħqud biex jagħmel Knisja waħda. Ilkoll irridu nagħmlu l-ħila tagħna biex nagħmlu Komunità-Tempju magħqudin flimkien u ssir Komunità waħda fejn it-tajn li jgħaqqad ikun l-Imħabba ta' Kristu fina u bejnietna.

Din hija l-missjoni li nixtieq inħallilkom jien meta nkun qiegħed nikkonsagra l-Knisja.

Nagħtikom il-Barka Pastorali Tiegħi.

Mons. Arċisqof Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof Metropolità ta’ Malta

Messaġġ mill-Arċipriet tar-Rabat: Kan. Dun Louis Suban

 

Il-konsagrazzjoni tal-knisja hija ġrajja mportanti fl-istorja ta’ dik il-komunità. Nistgħu nqabbluha mal-magħmudija tagħna. Il-kelma “konsagrazzjoni” tfisser xi ħaġa mogħtija totalment lil Alla u li Alla jagħmilha tiegħu u juru ruħu permezz tagħha. Il-knisja tal-ġebel ma tistax tilqa’ lil Alla biex jgħammar fiha, iżda il-komunità li tiltaqa’ f’ dik il-knisja tista’. Fil-magħmudija tagħna aħna lkoll ġejna kkonsagrati lil Alla. Fil-konsagrazzjoni tal-knisja tagħna, aħna bħala komunità qiegħdin ningħataw lil Alla flimkien biex Alla juri ruħu permezz tagħna.

Dak inhar tal-magħmudija tagħna aħna sirna wlied maħbubin t’ Alla u tempji ta’ l-Ispirtu Tiegħu. Flimkien ma’ Kristu aħna mitna għad-dnub u nżilna miegħu fil-qabar biex miegħu nqumu għal ħajja ġdida li twassal sal-ħajja ta’ dejjem. Permezz ta’ din il-ħajja ġdida, aħna ningħaqdu ma’ Kristu u nsiru t-tempju ġdid li fih Alla jsib il-għaxqa tiegħu.

Il-knisja tal-ġebel għalhekk hija biss simbolu tal-knisja vera li hi aħna. Din hija r-raġuni għala l-knisja nżejjnuha bl-aħjar affarijiet li nistgħu biex tidher sabiħa: biex is-simbolu jidher ċar. Mhux biss inżejnuha u nżommuha nadifa iżda llum qed nikkonsagrawha billi l-isqof jidlek biż-żejt tal-griżma s-slaleb tal-konsagrazzjoni madwar il-Knisja. Fi kliem ieħor, dan ifisser li dak li rċevejna aħna fil-magħmudija u l-griżma, qed nirrepetuh fuq din il-Knisja li tfisser aħna. Mela fil-konsagrazzjoni tal-knisja aħna nġeddu l-magħmudija tagħna u nimpenjaw irwieħna flimkien bħala komunità biex fina u permezz tagħna jidher Alla. Flimkien issa rridu nkomplu ninbnew bħala komunità billi ngħinu lil xulxin biex nifhmu u naprezzaw l-imħabba u l-preżenza t’ Alla li jrid jgħammar fina bħala knisja. Għalkemm it-tempju tal-ġebel huwa lest u mgħammar, it-tempju veru li hu aħna rridu nkomplu ninbnew sakemm naslu fit-tempju veru, li m’huwiex tal-ġebel u li fih naraw lil Alla wiċċ imbwiċċ: is-sema pajjiżna.

 

Ritratti ta' Jum il-Konsagrazzjoni

Mons. Arċisqof jidlek l-altar biż-żejt tal-Griżma 

Mons. Arċisqof jinċensa s-Slaleb tal-Konsagrazzjoni 

Recent Blog Entries

No recent entries