Knisja San MartinBaħrijaMalta

Informazzjoni

www.armarsanmartinbahrija.webs.com 

Il-Grupp li jieħu ħsieb l-armar tal-festi fil-Knisja ta' San Martin fil-Baħrija 

 

Il-komunità tal-Baħrija tifraħ lil Sharon Micallef li mill-31 ta’ Marzu, 2009 bdiet t-triq tagħha  permezz ta' l-Aspirandat flimkien mas-Sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesù. Għal dawn l-aħħar tliet snin hija bidet tħoss il-vokazzjoni tagħha bħala soru dejjem tiżdied u fehmet li Alla qiegħed isejħilha għal warajh.

Sharon, bint Joe u Josephine Micallef, it-tnejn mill-Baħrija, għandha 30 sena. Bdiet l-istudji tagħha fl-iskola Primarja tal-Baħrija fejn wara kompliet tistudja fil-Junior Lyceum ta’ Santa Tereża. Fl-1996 hija marret tistudja ġewwa Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar u fl-1998 marret Pre-School Kindergarten.

 

Fis-sena 2000 Sharon bdiet taħdem bħala facilitator u fl-2003 bdiet l-istudji tagħha ġewwa l-Università ta’ Malta fit-Teoloġija sa l-2007. Fl-2008 hija gradwat bħala għalliema tar-Reliġjon u wara bdiet kors bħala Computer Technician – kors li għadha qiegħda tistudja.

 

Tħobb tpitter arti sagra u bħala mużika tieħu gost tisma’ Gospel, Christian Rock u Christian Heavy Metal.

 

Fil-Komunità tagħna, Sharon għamlet ħafna xogħol siewi u li żgur mhux ħa ninsewh. Fost oħrajn, kienet tgħallem lit-tfal tal-komunità biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Quddiesa permezz tal-Qari, kif ukoll, għallmithom jgħidu r-rużarju fil-Knisja qabel il-Quddiesa. Ħadet ħsieb ukoll il-Kor tat-tfal għal din l-aħħar sena.

 

Minn qalbna Sharon nixtiequlek ħajja mimlija hena u dak kollu li tixtieq qalbek. J’Alla li dak li ser tibda jwasslek għal skop wieħed - il-Qdusija - bħalma għallimna biex ngħixu Sidna Ġesù Kristu. Aħna nwiegħduk it-talb tagħna u mill-ġdid GRAZZI u AWGURI!!!

 

Eżerċizzi 2009 saru minn Patri Joseph Zahra O.P.

 

Il-Logo il-ġdid ta' "Chorus Dilectio Pauper".

Qabel il-Quddiesa tal-Milied li għadda sar it-tberik ta' l-arma tal-Kor. Din ġiet impittra minn Joseph Anthony Zammit, artist żagħżugħ Imqabbi, imwieled fl-1989, bin l-artist u statwarju Mqabbi Rosario Zammit u Ophelia Zammit, għalliema fi skola primarja. Jospeh beda jistudja l-arti ta' eta' żgħira u għadu jiżviluppaha f'livell universitarju. Huwa kien parti mit-team li ħadem fir-restawr tal-faċċata tal-każin tal-Madonna tal-Ġilju ġewwa l-Imqabba bejn l-2006 u l-2008 u ħadem f'diversi proġetti artistiċi oħra flimkien ma' missieru. Jispeċjaliżża l-aktar f'xogħol ta' pittura fuq bnadar u f'xogħol ta' komunikazzjoni grafika. Ilu għal numru ta' snin membru attiv fi ħdan is-Soċjeta' Mużikali Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba fejn ukoll huwa membru fil-Kumitat tar-Radju ta' l-istess Soċjeta'. Preżentament huwa student ġewwa l-Universita' ta' Malta jistudja fi ħdan il-fakulta' ta' l-Arkitettura u l-Inġinerija Ċivili.

  Il-priedka tal-Milied din is-sena saret minn Simon Camilleri ta' 9 snin mill-Baħrija.

Justin Camilleri

Nistgħu ngħidu li mill-2005 'l hawn, kull sena kien hemm abbati mill-Baħrija li għadda mill-eżami tal-Vatikan u b' hekk kellhom l-opportunita' li jiltaqgħu personalment u jassistu lill-Papa waqt xi Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi.

Din is-sena din ix-xorti messet lil Justin Camilleri ta' 12-il sena mill-Baħrija. Bħaż-żagħżagħ ta' qablu, Justin stinka u studja ħafna biex għadda mill-eżami li kull abbati jkun irid jgħaddi minnu biex ikollu l-opportunita' jagħmel servizz fil-Vatikan. Bħala kommunita' aħna nawguraw lil Justin li jkollu esperjenza li ma jinsiha qatt. AWGURI!!!

Din hija l-esperjenza li Justin għoġbu jaqsam magħna wara li ta s-servizz tiegħu:

"L-Esperjenza Tiegħi f’Ruma

L-esperjenza tiegħi f’Ruma u fil-Bażilika ta’ San Pietru kienet waħda pożittiva u sabiħa ħafna. Ħadt ħafna gost, għax tajt is-servizz tiegħi bħala abbati fl-ikbar knisja u Bażilika tad-dinja. Għalhekk jiena ninsab ċert li tajt ukoll is-servizz tiegħi lil Alla u ninsab ċert li Hu kuntent bijja.

 Jien ferħan ukoll li rnexxieli nara l-Papa, jiġifieri, dak li jirrapreżenta lil Ġesu’, li huwa Alla. Il-Papa tagħna l-Barka Tiegħu u b’hekk ninsab żgur li Alla ser iżomm idejĦ fuqi u jipproteġini kull fejn inkun.

Għalhekk jiena nixtieq ngħid lill abbatini ż-żgħar biex huma wkoll jagħmlu ħilithom kollha biex b’hekk ikollhom iċ-ċans li jmorru Ruma u jagħtu huma wkoll is-servizz tagħhom fil-Bażilika. Ninsab ċert li ma jiddispjacihomx żgur." 

Recent Blog Entries

No recent entries